19 April 2010

Is-Sengħa tal-Kitba Taħdita minn Charles Daniel Saliba





Nhar l-Erbgħa, 14 t’April, 2010, is-Sur Charles Daniel Saliba, għalliem u kittieb Għawdxi, ġie mistieden biex ikellem lill-istudenti tal-klassijiet 1 Sempreviva u 1 Orkida, dwar is-sengħa tal-kitba u fuq il-proċess ta’ kif ikun ippubblikat ktieb. Saliba, li l-pubblikazzjonijiet tiegħu jlaħħqu għal tmintax, spjega lill-istudenti l-proċess involut biex tikteb u tippubblika kotba ta’ ġeneri differenti. Hu spjegalhom fid-dettal ir-raġuni għaliex hu beda jikteb il-kotba u l-esperjenza tiegħu f’dan il-qasam. Lejn l-aħħar tat-taħdita, Saliba tella’ bix-xorta xi kotba, li kiteb hu stess, lill-istudenti preżenti. Fl-aħħar is-Sur Saliba qassam lill-istudenti fuljett b’nota bijografika u b’isem u b’deskrizzjoni tal-pubblikazzjonijiet tiegħu. 

It-taħdita ‘Is-Sengħa tal-Kitba’ kienet waħda mill-attivitajiet li nżammu fl-iskola matul din il-ġurnata ddedikata lill-kutura Maltija bħala parti mill-proġett Comenius ‘Let’s Learn Through Our Cultural Heritage and its Diversity’.   

Nota Bijografika 

Charles Daniel Saliba

Trabba x-Xewkija Għawdex, attenda l-iskola primarja tax-Xewkija u tar-Rabat, il-Liċeo Ninu Cremona, u l-Università ta’ Malta fejn kiseb B.Ed. (Hons.) fil-Malti. Fil-bidu daħal jgħallem fl-iskola sekondarja Vincenzo Borg, B’Kara, wara mar jgħallem fil-Liċeo G. P. F. Agius de Soldanis, ir-Rabat, Għawdex u fil-preżent qiegħed jgħallem fl-iskola Post-Sekondarja Sir Mikelanġ Refalo. Biex ikabbar l-għarfien tiegħu fl-element Semitiku Malti, kompla jistudja fl-Università ta’ Malta fejn kiseb Diploma fl-Għarbi. Wara li ggradwa, kompla jistudja u fis-sena 2009 temm il-European Masters in Mediterranean Historical Studies. Għal xi żmien għallem il-Malti lill-barranin fil-kunsill lokali tal-Għarb Għawdex u organizza korsijiet fuq il-lingwa u l-kultura Għarbija fil-Kulleġġ t’Għawdex. Saliba jorganizza wkoll programmi edukattivi fuq diversi radjijiet, li l-għan prinċipali tagħhom ikun it-tagħlim tal-Malti. Permezz tal-ktieb tiegħu Realtà, ippubblikat minn Wise Owl Publications, rebaħ it-tieni premju fil-kategorija ‘Proża għall-Adoloxxenti’, fil-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2007. 

Pubblikazzjonijiet tiegħu: 

Aċċess, Merlin Library, (Stampat 2006, 2007, 2010); flimkien ma’ Adrian Muscat. Ktieb tal-grammatika li jkopri s-sillabu mill-Form 1 sal-Form 5 u jwasslek għall-‘O’ Level. 

Qawsallinu, Gozo Press, (2006, 2006, 2007, 2008); flimkien ma’ Adrian Muscat. Ktieb tan-noti fuq il-ktieb Qawsalla li jintuża fil-Form 4 u fil-form 5 li jwasslek għall-‘O’ level. 

Malti aħjar bi sforzi żgħar!, Gozo Press, (2006, 2007, 2010); flimkien ma’ Adrian Muscat. Ktieb pocketsize li jgħinek tikteb Malti aħjar mingħajr żbalji. Ideali għat-tfal tal-primarja, sekondarja u għal dawk li jridu jaġġornaw ruħhom. 

Realtà, Wise Owl, (2006). Għaxar stejjer fuq problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom iż-żgħażagħ, fosthom: id-droga, l-użura, tqala barra ż-żwieġ, qtugħ ta’ qalb, problemi familjari u oħrajn. Dan il-ktieb hu rebbieħ fil-kategorija ‘Proża għall-Adoloxxenti’, fil-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2007. 

Rocco jitgħallem il-karatè, Wise Owl, (2006). Storja fuq tifel li beda jitgħallem il-karatè. 

Ktejjeb b’taqsira b’differenza u b’eżerċizzji varji fuq Meta jaqa’ ċ-Ċpar ta’ Trevor Żahra. (Pubblikazzjoni Merlin), Gozo Press, (2007, 2009); flimkien ma’ Adrian Muscat. Workbook fuq il-ktieb Meta jaqa’ ċ-Ċpar ta’ Trevor Żahra li jintuża fil-Form 1 u f’ħafna skejjel tal-primarja tal-knisja. 

Ktejjeb b’taqsira b’differenza u b’eżerċizzji varji fuq Ħolm tal-Milied? ta’ Trevor Żahra. (Pubblikazzjoni Merlin), Gozo Press, (2007, 2009); flimkien ma’ Adrian Muscat. Workbook fuq il-ktieb Ħolm tal-Milied? ta’ Trevor Żahra li jintuża fil-Form 2 u f’ħafna skejjel tal-primarja tal-knisja. 

Ktejjeb b’taqsira b’differenza u b’eżerċizzji varji fuq L-Isqaq ta’ Ġuże Chetcuti. (Pubblikazzjoni Merlin), Gozo Press, (2007, 2009); flimkien ma’ Adrian Muscat. Workbook fuq il-ktieb L-Isqaq ta’ Ġuże Chetcuti li jintuża fil-Form 4. 

Eċċellenti, Book Distributors Ltd, (2009); flimkien ma’ Adrian Muscat. Lenti fuq il-Malti, b’qari, noti u eżerċizzji kreattivi, biex titgħallem Malti aħjar. 

Malti Għalina t-tfal 1 sa 6 , Book Distributors Ltd, (2009); flimkien ma’ Adrian Muscat. Sensiela ta’  kotba, wieħed għal kull sena tal-primarja, li huma mmirati li jkopru s-sillabu kollu tal-primarja. Huma mimlija bi stampi kkuluriti u taħriġ imqiegħed f’ċertu ordni, b’mod ċar biex l-istudenti jitgħallmu b’sistema organizzata iżda kreattiva u b’differenza minn tas-soltu! L-eżerċizzji li fih qegħdin imfasslin b’tali mod li jagħmlu enfasi fuq l-aspetti li jbatu minnhom it-tfal f’dawn l-etajiet. 

Idjomi Maltin għal studenti għaqlin, Gutenberg Press, (2010); Ġabra ta’ idjomi, b’eżerċizzji varji, miġbura taħt temi differenti, li jkopru diversi sillabi, fosthom: tal-Primarja, tal-Liċej, tas-Sekondarja, kif ukoll b’enfasi fuq is-sillabu tal-‘O’ level. 

Qwiel Maltin għal studenti ħabrikin, Gutenberg Press, (2010); Ġabra ta’ qwiel, b’eżerċizzji varji, miġbura taħt temi differenti, li jkopru diversi sillabi, fosthom: tal-primarja, tal-Liċej, tas-Sekondarja, kif ukoll b’enfasi fuq is-sillabu tal- ‘O’ level. 

75 Lehma 75 Fehma, Gutenberg Press, (2010); Antoloġija ta’ Poeżija Maltija addattata speċifikament għat-tagħlim tal-Poeżija Maltija fil-Liċej u fl-iskejjel Sekondarji, li jkopri sillabi varji fosthom tal-iskejjel tal-Istat. Fih nota u eżerċizzji varji fuq kull poeżija, nota fuq kull poeta, glossarju ta’ termini letterarji, taħriġ speċifiku fuq it-termini letterarji għal kull klassi tas-sekondarja u pariri siewja kif l-istudenti għandhom jistudjaw il-poeżiji. 

Jekk għandek xi diffikultà tal-Malti kkuntattjah fuq: 

L-indirizz elettroniku: maltesecourses@yahoo.com

Jew ibgħat sms fuq : 99031969 
 

 




Back to Home