7 December 2010

Messaġġ għall-Milied 2010


by: Frank Gatt, Gozo College Principal

Għal xhur sħah, id-dinja kollha tefgħet ħarsitħa u qalbha fuq 33 minjatur maqbuda –kont ser ingħid midfuna ħajjin mejta -  madwar 700 metru taħt l-art ġo deżert fic-Cili. Kulħadd kien donnu addotta id-destin ta’ dawn l-imsejkna; biss, donnu kulħadd kellu f’qalbu tama kbira li dawn kienu ser jinħelsu.  Għallinqas jien dejjem hekk emmint.

U l-miraklu seħħ! U sebaħ jum ġdid għal dawn il-ħaddiema beżlin u għall-familji tagħhom. Mingħajr dubju ta’ xejn kien hemm l-id t’Alla u l-ġenju imħawwar b’kuraġġ ta’ dehen il-bniedem.

Imma mhux biss.  Kien hemm il-qawwa tas-solidarjetà ta’ kulħadd, koetanju jew le, fqir jew sinjur, abjad, iswed, isfar ...Il-forza għalenija tas-solidarjetà tal-gens uman tat enerġija liema bħala lil dawk li m’għalqux għajn m’għajn biex it-33 ħutna jerġghu jitwieldu mill-ġdid.  Milied ġdid għalihom u għall-għezież tagħhom. Solidarjetà! Solidarjetà! Solidarjetà!

Solidarjetà imma magħġuna mal-kuraġġ erkuljan ta’ dawn it-33 minjatur u speċjalment ta’ wieħed minnhom li baqa’ jemmen li bl-għaqal u l-ħsieb posittiv setgħu jaslu biex jerġgħu jaraw id-dawl tax-xemx. Kienet din il-qawwa u enerġija posittiva ta’ dan il-foreman  li fl-aħħar ħarget rebbieħa fuq il-biza’ u l-qtugħ il-qalb ta’ min iġib id-dinja fit-tarf. Posittività! Posittività! Posittività!

Tiftakru wkoll li filwaqt li dawn it-33 eroj kienu qed jissieltu kontra l-mewt twieldet tarbija lil wieħed minnhom. U semmewha Esperanza.  Dan it-twelid ġdid żgur li mela b’tama qawwija lill-missierha u lit-32 l-oħra sħabu.  Tama! Tama! Tama!

Minn hawn nislet il-messaġġ tiegħi għal dan il-Milied.  Inkunu solidari wieħed mal-ieħor; nitgħallmu nħarsu lejn dak li hu posittiv fil-ħajja; inkabbru t-tama tana f’Gesù ċkejken tarbija li jaf kif jeħlisna minn kull saram biex nitwieldu mill-ġdid kif twieldu mill-ġdid it-33 minjatur!

 




Back to Home