L-IBBULJAR: REALTA KIEFRA


Suġġett li żgur jolqot lil ħafna nies fosthom ġenituri, għalliema u studenti huwa l-ibbuljar jew kif insibuh il-‘bullying’.  L-awturi Sharp u Smith (1994) jiddefenixxu l-ibbuljar bħala forma ta' mġieba aggressiva li ġeneralment tweġġa' u hija magħmula għal tal-apposta min individwu/i fuq nies oħrajn. Din l-imġieba tista' ddum sejra għal ġimgħat, xhur u anke snin sħaħ u huwa difficcli ħafna għal vittmi tal-ibbuljar biex jiddefendu ruħhom.  L-ibbuljar jista' jkun ta' diversi tipi: fiżiku fejn jiġi wżat swat, verbali fejn bil-kliem li wieħed juża bħal tgħajjir u laqmijiet iweġġa' lil ħaddieħor u anke ibbuljar indirett bħal meta xxerred qlajjiet fuq ħaddieħor.

Forom ta’ ibbuljar
Tajjeb Ii wieħed jinnota li l-ibbuljar jista' jieħu forom differenti u dawn il-forom ġeneralment jinbidlu skond l- eta: eżempju t-tfal iż-żgħar ġeneralment jesebixxu l-ibbuljar fl-iskola ma' sħabhom jew ma' ħuthom id-dar u I­adoloxxenti jistgħu jibbuljaw fl-iskola, mas-sieħeb/sieħba tagħhom jew fi klikek 'peer group' li jkunu parti minnhom. Mill-banda I-oħra ibbuljar li jsir min nies adulti iktar insibuh bħala abbuż u dan jista' jsir fir-relazzjonjiet tagħhom ma' marthom/żwieġhom, uliedhom u saħansitra mal-ġenituri tagħhom permezz ta' abbuż fiżiku, sesswali, u/jew emozzjonali. Tip ta' ibbuljar ieħor u li jsir fuq il-post tax-xogħol u li jissejjaħ "work harassment" ukoll jiġi magħmul mill-adulti. Dan it-tip ta' ibbuljar huwa realta oħra li teżisti fid-dinja tagħna

F’dan l-artiklu ser nikkoncentraw fuq ibbuljar magħmul mit-tfal għat-tfal u biex nieħdu ideja tas-serjeta ta’ dan is-suġġett nistgħu nħarsu lejn dak li ġara fil-Canada fi skola f'Tabel, Alberta f'April tal-1999 fejn ġuvnott ta' l4-il sena daħal fl-iskola u qatel lil student ta' 17-il sena u weġġa’ serjament lil ħabib tiegħu. Il-ġuvnott li wettaq dan I-att kien jibża' ħafna mill-iskola u x-xogħol tal-iskola kien jagħmlu d-dar biex hekk jevita li jmur l-iskola. Ir-raġuni wara dan il-biża' kienet li sħabu kienu dejjem jaqbdu miegħu għax kienu jafu li hu kien jibqa passiv u Ii qatt ma kien ser ipatthielhom lura. Minn dan l-eżempju sfortunat wieħed jista' jara kemm l-ibbuljar m'huwiex xi ħaġa li wieħed jista; jieħu bic-cajt.

Min hu/hi l-buli?
Dr Sam Samenor jiddeskrivi I-bulis bħala persuni li jġibu ruħhom b'mod aggressiv iktar milli hu n-normal, ikollhom xewqa ġo fihom li jiddominaw lil sħabhom, iħossu l-ħtieġa li jkollhom kontrol u li joħorġu rebbiħin, ma jkollhom l-ebda rimors meta jweġġgħu lil ħaddieħor u jarawh ibati u ma jaccettawx li jieħdu responsabbilita għal għemilhom. Barra min hekk il-ġenituri ta' tfal li jibbuljaw ġeneralment għalkemm mhux dejjem, jissaportjaw l-imġieba ta' wliedhom u huma stess jista' jkun li jkunu jibbuljaw lil uliedhom. Awturi oħra jgħidu li I-bulis huma tfal li ġeneralment ikunu impulsivi, jkollhom ġibda lejn sitwazzjonijiet fejn hemm il-possibillta ta' aggressjoni u għandhom attitudnijiet posittivi lejn dak kollu li jinvolvi I-aggressjoni.

Min hu/hi l-vittma?
Minn naħa l-oħra l-istudji u r-ricerka fuq il-vittmi tal-ibbuljar turi li dawn ġeneralment huma tfal li jkunu kwieti u xi ftit misthija. Hafna drabi huma jaccettaw l-ibbuljar li jkun qed isehh fuqhom u rari jippruvaw iwaqqfu dan l-ibbuljar (London Fam­ily Court Clinic, 1996). Bully B'ware Productions jgħidu li hafna drabi t-tfal jiġu bbuljati min xi buli/s meta jkunu għandhom żgħar jew meta jbiddlu xi skola. Importanti hafna tkun dik I-­ewwel reazzjoni tal-vittma għal dak I-ewwel incident ta' ibbuljar għax minn hemm l-buli jiehu ideja jekk iktar il-quddiem jerġax jibbulja jew le. Ovvjament jekk il-buli jinduna li l-vittma hi/hu persuna vulnerabbli u li ftit li xejn irreżista l-ibbuljar probbabilment l-ibbuljar jerġa jsir. Bully B'ware Productions jittkellmu wkoll fuq studenti li fil-bidu jkunu bbuljati huma stess u b'riżultat ta' dan huma jibdew jibbuljaw lil studenti ohrajn. Tajjeb li wiehed jinnota li r-ricerka li saret fuq dan is-suġġett ma wrietx li l-apparenza (eżempju piż żejjed jew użu ta' nuccali) wasslet biex student/a ġie/ġiet ibbuljat/a.

Kawżi li jġibu l-ibbuljar
L-ewwel fattur Ii jaffetta l-ibbuljar u li ġew identifikati mill-London Court Clinic 1996 huwa I-ambjent tad-dar. Nuqqas ta' attenzjoni min naha tal-ġenituri lejn uliedhom u użu ta' kastigi horox jidher li jinkoraġixxu I-ibbuljar. It-tfal jistgħu ukoll jitgħallmu jibbuljaw peress Ii jaraw mġieba aggressiva fid-dar bejn il-ġenituri tagħhom.  ġenituri li jippruvaw jipproteġu lil uliedhom iżżejjed u jagħtuhom attenzjoni żejda jistgħu jwasslu biex uliedhom jispiccaw I-vittmi ta' tfal ohra. It-tieni fattur huwa l-karattru tal-persuna u l-mod individwali ta' kif inhi magħmula l-persuna. It-tip ta' temperament li persuna jkollha jista' jwassalha biex issir buli.  It-tielet u I-ahhar fatt huma fatturi Ii għandhom x'jaqsmu mal-iskola. L-iskola wkoll għandha s-sehem tagħha fl-iżvilupp tal-ibbuljar. Skola Ii tagħmilha cara lill-istudenti Ii I-ebda tip ta' ibbuljar mhu accettat u Ii jekk isir xi tip ta' ibbuljar tittiehed azzjoni minnufih, tkun qed tinkoraġixxi t-tnaqqis tal-ibbuljar. Superviżżjoni addattata, proceduri cari u interventi fil-hin kollha jgħinu biex problemi relatati mal-ibbuljar jonqsu, jekk mhux jiġu eliminati.

Effetti tal-ibbuljar
Hafna drabi I-vittmi tal-­ibbuljar isiru jibżgħu mill-iskola u jibdew juru sinjali li ma jkunux iridu jmorru skola bhal uġiegħ ta' żaqq kif iqumu. Il-vittma tibda thoss Ii l-iskola hija post ta' dwejjaq u ma thosshiex "safe" hemm. II-fatt Ii persuna tkun qed tiġi bbuljata jista' jwassal biex din tispicca iżolata għax hadd ma jkun irid joqgħod magħha biex ma jassocjawx ruhhom magħha jew għax jibżgħu li jiġu bbuljati huma wkoll. Persuna Ii tiġi bbuljata tista taqa’ f'dipressjoni u I-istima tagħha nfisha tonqosha hafna. Dawn I-effetti jistgħu jidhru f'nuqqas ta' aptit, u traskuraġni żejda. Dawn l-konsegwenzi mhux biss jistgħu jaffettwaw lill- persuna fil-preżent imma jekk ma tittehidx azzjoni jkollhom effett fuqha anke fil-hajja adulta tagħha. Min-naha l-oħra meta nharsu lejn il-buli naraw li I-popolarita li l-buli jista jgawdi sakemm ikun għadu l-iskola tibda tonqos lejn tmiem I-adoloxxenza b'riżultat li dan isib ruhu fi klikek ohra ta' bulis bhalu. Ir-ricerka turi li hemm relazzjoni bejn ibbuljar li jsir min persuna meta tkun għadha żgħir/a u esperjenzi ta' kriminalita u problemi mal-ġustiżżja fil-hajja adulta. Dan ma jfissirx Ii kull min hu buli ser jispicca kriminal! Dan għaliex il-buli jista' jiġi mgħallem tip ta' mġieba ġdida fejn hu ikun jista' jikkomunika ma' haddiehor u jesprimi dak li jixtieq mingħajr ma jkun hemm bżonn li jibbulja lil haddiehor biex jiehu dak Ii jrid.

Prevenzjoni kontra l-ibbuljar
Interventi kontra l-ibbuljar iridu jiffokaw lil hemm mill- buli u l-vittma imma jridu jinkludu wkoll l-hbieb tal-buli u l-vittma, membri tal-istaff tal­-iskola, l-ġenituri u l-kumplament tal-kommunita.  għal iskopijiet ta' dan l-artiklu ser niffokaw fuq dak li għandu x'jaqsam mal-ġenituri.  Sebgħa affarijiet li l-ġenituri jistgħu jagħmlu biex igħinu lil uliedhom li jkunu vittmi tal-ibbuljar huma:

  1. Jinkoraġixxu lil uliedhom biex jifthu qalbhom magħhom u jgħidulhom jekk ikunu qed jiġu ibbuljati. Dan ifisser li l-ġenituri jridu juru lil uliedhom li huma għamlu sewwa u li m'għandhomx għax jiddispjacihom li jkunu fethu qalbhom magħhom. Dan ifisser ukoll li l-ġenituri għandhom jispjegaw lil uliedhom li huma għandhom raġun ihossuhom irrabjati għal dak li jkun qed jiġri.
  2. Jistaqsu t-tfal fuq x'ippruvaw jagħmlu huma biex iwaqqfu l-ibbuljar. Min hawn il-ġenituri jiehdu ideja fuq kemm tkun gravi s-sitwazzjoni u jkunu jafu jekk uliedhom ippruvawx iwaqqfu l-ibbuljar.
  3. Jiggwidaw lil uliedhom u juruhom alternattivi differenti. Hawnhekk il-ġenituri għandhom jispjegaw lil uliedhom li hemm diversi affarijiet x'jistgħu jagħmlu: jaharbu l-kumpanija tal­buli, jilgħabu x'imkien ieħor, joqogħdu qrib xi adult meta ġeneralment iseħħ l-ibbuljar, jippruvaw jagħmlu ħbieb ġodda, u jinkoraġixxu lil uliedhom biex jibdew jieħhdu sehem f'attivitajiet oħra barra l-ħin tal-iskola sabiex ma jingħalqux fihom nfushom.
  4. Jinkoraġixxu lil uliedhom biex ifittxu l­għajnuna u jirraportaw l-ibbuljar li jseħħ magħhom lil xi ħadd li huma jafdaw mill­iskola.
  5. Iħarsu lejn l-iskola bhala mezz ta' għajnuna mhux bħala għadu. Il-ġenituri għandhom jitkellmu u jiddjalogaw mal-membri tal-istaff tal-iskola biex flimkien jaħdmu pjan biex l-ibbuljar jieqaf.
  6. Jużaw ġenituri oħra li għaddejjin min l-istess problema u membri tal-istaff bħala riżorsi biex isibu mezzi pozittivi kif jinkoraġixxu mġiba mibnija fuq ir-rispett lejn xulxin fl-iskola. Dan ifisser li l-ġenituri tal-vittmi jistgħu lkoll flimkien iwaqqfu grupp fejn flimkien mal-iskola jahdmu biex isir aktar għarfien fuq I­-ibbuljar u l-hsara li jġib miegħu.
  7. Importanti wkoll li l-ġenituri ma jħajjrux lil uliedhom biex jiġġieldu fiżikament mal-buli/s. Dan għaliex b'dan il-mod l-ibbuljar jieħu aktar fit-tul u jsir aktar serju barra li t-tfal jistgħu iweġġgħu serjament.

REFERENZI
Bullying and Victimization. The problems and solutions for school aged children. (1997).(OnLine).  Available www.crimeprevention.org
Bully B'ware- More Information about bullying (On-Line). Available: www.bullybeware.com
Bully Tips (On-line). Available: www Cfchildren.org/parent–bullytips.shtmI
No Bully Organisation (On-Line). Available www.nobully.org.nz/advicep.htm Sharp.S..& Smith,P.K (1994). Understanding bullying. In S. Sharp & P.K. Smith (Eds.), Tackling bullying in your school: A practical handbook for teachers (pp.1 - 5). Routledge: London and New York.

Joanie Xiberras
Għalliema tal-PSD

 




Back to Home